Terz’Ordni Karmelitan sekular

Il-Fraternità tat-Terzjarji Karmelitani ta’ Santa Venera  twaqqfet qabel ma Santa Venera saret Parroċċa fl-1918.  Infatti malli fit-30 ta’ Lulju 1912, il-Patrijiet Karmelitani ngħataw f’idejhom il-Knisja l-qadima ta’ Santa Venera, flimkien mal-Kunvent li jmiss magħha, huma mill-ewwel ħadu ħsieb iwaqqfu t-Terz Ordni Karmelitan.  Dan ifisser li l-ewwel għaqda reliġjuża fil-Parroċċa  kienet dik tat-Terzjarji, li kienet ġa teżisti fl-1913.  Skond ir-reġistri li għandna nsibu li fit-13 t’April 1913 inkitbu l-ewwel żewġ persuni fit-Terz Ordni Karmelitan ta’ Santa Venera.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, it-Terz Ordni Karmelitan baqa’ dejjem jiffjorixxi – bħalissa, in-numru ta’ Terzjarji f’din il-Parroċċa jaqbeż il-mija u għaxra. Nisperaw li dan in-numru jkompli dejjem jiżdied, biex b’hekk aktar Vendriżi jibdew jiffurmaw parti mill-Familja Karmelitana.

Biex wieħed jidħol Terzjarju, irid:

L-ewwelnett jiġi approvat mill-Patri Assistent Spirtwali u l-Kunsill tat-Terz Ordni tal-lokal.

Wara, fix-xahar t’Ottubru, meta fil-Parroċċa tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, issir il-Vestizzjoni tal-membri ġodda.

Sena wara l-Vestizzjoni ssir il-Professjoni Sempliċi fit-Terz Ordni.

Tlett snin wara l-Vestizzjoni ssir il-Professjoni Solenni fit-Terz Ordni.

Xi attivitajiet organizzati matul is-sena għat-Terzjarji jinkludu:

Konferenza u Adorazzjoni kull ewwel Erbgħa  tax-xahar mill-5.00 pm sas-6.00 pm fil-Knisja Parrokkjali;

Irtiri ta’ ġurnata jew nofs ta’ nhar 3 darbiet fis-sena, dejjem   f’xi lokalita’  barra mill-Parroċċa;

Eżerċizzi spiritwali fir-Randan u fl-Avvent;

Sehem fi purċissjonijiet fil-Parroċċa, li fihom it-Terzjarji jkunu lebsin il-Labtu l-kbir tal-Madonna tal-Karmnu;

Jiġu wkoll organizzati attivitajiet soċjali fosthom:

riċeviment li jsir f’Jannar biex insellmu s-Sena l- Ġdida  u ieħor qabel il-waqfa mill-attivitajiet  għax-xhur  ta’ Awwissu u Settembru

żjarat lil postijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Karmelitani u l-Madonna tal-Karmnu (eżempju viżta lill-Mużew u Kunvent tal-Karmnu fl-Imdina.)

Il-Kunsill tat-Terz Ordni Karmelitan hu ffurrmat  minn:

Assistent Spiritwali:    Patri Joe Saliba O. Carm.

Animatur:                   John Vella Bondin BA

Segretarja:                 Isabelle Duncan

Asst. Segretarja:        Mary Mifsud

Teżoriera:                  Mary Zahra

PRO:                         Anthony Mifsud 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *